Santwarju ta' Fatima, Guardamangia/Pieta'

L-Istorja tal-Parroċċa ta' Fatima, Gwardamanġa

L-ewwel ħsieb li d-Dumnikani jkollhom preżenza fil-Gwardamanġa jeħodna għas-sena 1944.  Hawnhekk se nagħtu biss ħjiel qasir ta’ l-istorja biex wieħed ikollu ideja.  Għal aktar detalji tajjeb li taqra l-ktieb “Pietà – Gwardamanġa: il-baħar, il-ħniena, is-sliem” ta’ P. Mark Montebello, 2008, Union Print Co. Ltd., Malta, li minnu qed jittieħdu dawn il-ftit dettalji.   

Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-kunventi tad-Dumnikani tar-Rabat u tal-Belt Valletta ma kinux intlaqtu mill-bombi, imma ta’ Tas-Sliema u tal-Birgu (bil-knisja b’kollox)  kienu nqerdu totalment.  Dan wassal lid-Dumnikani biex jaħsbu li jiftħu dar oħra fil-gżira ta’ Malta ħalli jkollhom fejn joqogħdu, iżda barraminhekk il-Provinċja Dumnikana kienet diġa qed tħoss il-ħtieġa li tkompli tifrex il-membri tagħha f’inħawi oħra f’pajjiżna għax-xandir tal-Kelma ta’ Alla fost il-Maltin.  Hekk għal diversi raġunijiet għajnejn P. Ġużepp Gauci, il-provinċjal ta’ dak il-żmien, waqgħu fuq il-Pietà-Gwardamanġa.   

 

Qabel il-bini tal-knisja u 
l-kunvent, u wara tfittix bir-reqqa mill-Provinċjal u l-permess meħtieġ mill-Arċisqof Mikiel Gonzi, instabet dar addattata biex mill-inqas tlett dumnikani jibdew jgħammru fiha.  Hekk fil-5 ta’ Ottubru ta’ l-1945, id-dumnikani meddew riġlejhom fil-Pietà-Gwardamanġa għall-ewwel darba, fi Triq Hookham Frere, numru 39.  Mill-ewwel il-patrijiet għamlu kappella ġod-dar li kienet tesa’ madwar 150 persuna.   Iżda dan ma kienx biżżejjed.  L-ewwel ħaġa li ħasbu għaliha l-patrijiet kienet li jiffurmaw il-Lajċi Dumnikani li jagħmlu parti mill-Familja Dumnikana ħalli jissieħbu magħhom f’din il-missjoni ġdida . 

 

 

Il-ħtieġa li jinbnew knisja u kunvent aktar bdiet tikber għax ix-xogħol pastorali kien dejjem qed jiżdied u jorganiżża ruħu.  Għalhekk, fl-1948 inxtrat l-art għall-bini tal-knisja u l-kunvent.  F’dan l-istess żmien ġie maħtur provinċjal ġdid, P. Esmond Louis Klimeck minn New Zealand, devot kbir tal-Madonna ta’ Fatima, li daħal b’ruħu u ġismu u b’dedikazzjoni kbira għal dan il-bini.  Fil-fatt fit-8 ta’ Settembru ta’ l-1953 saret ċerimonja simbolika tal-bidu tal-bini tas-santwarju fejn tpoġġa salib, u x-xogħol beda fl-aħħar ġimgħat tas-sena.  Imbagħad, wara li tlesta l-pedament, fit-28 ta’ Marzu ta’ l-1954, festa tal-Lunzjata, tqegħdet l-ewwel ġebla tas-santwarju u li għaliha ġew mistiedna l-Arċisqof Mikiel
Gonzi u l-Prim Imħallef, Sir Lewis Camilleri.  Għad kbir ta’ nies kienu preżenti, fosthom dumnikani, kleru djoċesan, reliġjużi nisa u rġiel ta’ diversi ordnijiet, tfal ta’ l-iskejjel, Legion of Mary, Terzjarji, membri tal-MUSEUM, u anki suldati.  Ġew magħżula uffiċjalment żewġ parrinijiet, Carlo Sant Fournier u Luke Gauci, li kienu żewġ benefetturi ewlenin tal-proġett.  Fit-8 ta’ Diċembru, jum il-Kunċizzjoni, minkejja li l-bini tal-knisja kien għadu ġebel u saqaf u mneżża minn kollox, ġiet iċċelebrata l-ewwel quddiesa u sar it-tberik tal-knisja mill-istess Provinċjal P. Klimeck.   

 

Qabel ma P. Klimeck spiċċa minn provinċjal, waslet l-istatwa sabiħa tal-Madonna ta' Fatima li sal-ġurnata ta’ llum għada tilqa’ minn fuq il-presbiterju lil kull min jidħol fil-knisja.  Ġiet mill-Portugal u tbierket fis-27 ta’ April ta’ 1956 mill-Arċisqof Gonzi.  L-għada, fit-28,  sar it-tberik u l-inawgurazzjoni tal-kunvent il-ġdid mill-istess Arċisqof. Id-devozzjoni lejn l-Madonna ta’ Fátima baqgħet tikber u ħafna drabi saru pellegrinaġġi minn diversi parroċċi Maltin u Għawdxin.   

Kien imbagħad fil-bidu ta’ Diċembru ta’ l-1967 meta l-Arċisqof Gonzi, minħabba li ħass li għandu jkabbar il-kura ta’ l-erwieħ fil-parroċċa ta’ l-Imsida, iddeċieda li joħloq il-parroċċa tad-Dumnikani fil-Pietà-Gwardamanġa.  L-inawgurazzjoni tal-parroċċa l-ġdida u l-pussess ta’ l-ewwel kappillan, P. Viċens Portelli, ġew iċċelebrati fit-12 ta’ Mejju ta’ l-1968.  Il-missjoni ġdida ta’ P. Viċens kienet li joħloq identità tal-parruċċani ġodda magħquda mad-devozzjoni marjana.  Naturalment il-kappillan beda wkoll jorganizza diversi gruppi pastorali.  Fi żmienu bdiet issir il-festa parrokkjali bil-puċissjoni taħt forma ta' pellegrinaġġ nazzjonali.

 

P. Viċens Portelli dam kappillan sa l-1981 (13-il sena), imbagħad t-tieni kappillan, P. Ġorġ Frendo – illum isqof awżiljari f'Tirana l-Albanija – ħa l-pussess fit-13 ta’ Ġunju ta’ l-istess sena.  P. Ġorġ organiżża l-parroċċa b’mod strutturali, fejn barra l-kunsill parrokkjali nħolqu diversi kummissjonijiet fosthom dawk tal-kateketika, il-liturġija, iż-żgħażagħ u l-familja.  Ġie wkoll iffurmat grupp ta’ bniet pré-adolexxenti msejjaħ “Imeldini”.  Fl-1982, P. Ġorġ beda l-bini ta’ Ċentru Parrokkjali.  Huwa, li dam 8 snin  kappillan, spiċċa fl-1989, meta ġie maħtur Provinċjal tad-Dumnikani Maltin.  

Fl-1989 il-parroċċa kellha t-tielet kappillan, P. Pawl Cremona, illum arċisqof ta’ Malta, li ħa l-pussess fis-7 ta' Ottubru.  Waħda mill-karatteristiċi ta' P. Pawl, li għada ħajja fih anki bħala arċiisqof, kienet il-faċilità tal-kuntatt personali li kellu ma' kulħadd, speċjalment mal-morda.  Kien P. Pawl li qasam il-parroċċa f'sitt żoni jew komunitajiet  żonali li dawn ħadu l-ismijiet ta' S. Wistin, Duluri, S. Duminku, S. Luqa, Fatima u Pietà.  Kif kien jinsisti hu "żona" tfisser parti mill-parroċċa u mhux grupp għar-rasu.  Anzi, biex nużaw l-istess kliem tiegħu l-parroċċa saret komunità ta' komunitajiet.  B'dan il-mod organiżżat il-kappillan u dawk kollha li kienu jaħdmu miegħu setgħu jilħqu aktar lill-parruċċani f'dak li hu tagħlim, xogħol pastorali u administrazzjoni tas-sagramenti.  P.Pawl spiċċa l-kariga tiegħu bħala kappillan fl-1993 (4 snin) għaliex ġie magħżul mill-Provinċja biex jieħu ħsieb in-novizzi bħala surmast..

 

Ir-raba' kappillan tal-parroċċa tagħna kien P. Pawl Gatt li  okkupa din il-kariga mill-1993 sa l-1997.  P. Pawl kompla saħħaħ l-istruttura tal-parroċċa f'dawk li huma kummissjonijiet u għaqdiet. Fl-1997 hu ġie magħżul kappillan tal-Parroċċa tal-Port Salvu (aktar magħrufa bħala San Duminku) fil-Belt Valletta.                     

     

 

 

P. Gwann Frendo ma kienx wiċċ ġdid għall-komunita tagħna għaliex kien diġa għex f'din il-komunita li tagħha kien Pirjol.  P. Ġwann daħal għall-ħidma tiegħu ta' Kappillan b'entużjażmu kbir, fit-22 ta' Settembru, 1997.  Kellu karattru ferrieħi li kien iġiegħel lil kulħadd iħossu komdu.  Bin-natural tiegħu ġibed lura lejn il-Knisja nies li għal diversi raġunijiet kienu jħossuhom li ma jappartjenux lejn din il-komunita.  Għalih kull funzjoni kienet festa u ċelebrazzjoni.  Pero l-ħidma tiegħu fostna ma kellhiex ittul ħafna għaliex fix-xewqa u ż-żelu li kellu li jara li l-ħidma missjunarja li l-Provincja Dumnikana Maltija kienet għadha kemm fetħet ftit qabel u li hu kien diġa fforma parti minnha, irriżenja minn Kappillan 9 xhur wara biex mar jagħmel ħidma missjunarja f'Durres l-Albanija u fejn minn hemm mar lura fi ħdan il-Missier fl-1 ta 'Jannar, 2003.

 Wara P. Ġwann ġie magħżul bħala s-sitt kappillan tal-parroċċa P. Joseph Bonnici. Dan ukoll kien diġa membru fil-komunita Dumnikana ta' din il-parroċċa u l-preżenza tiegħu hawn ma kenitx ġdida.  Hu ħa l-pussess fit-30 ta' Settembru, 1998, u dam kappillan sal-2001.  P. Joe kien għadu ġej minn esperjenza ta' sentejn fil-missjoni tal-Albanija.  Bħala kappillan li dam tlett snin huwa baqa' miexi fuq il-passi pastorali tal-kappillani ta' qablu.

 

 

 

P. Michael Camilleri huwa s-seba' kappillan tal-Parroċċa tagħna.  Huwa ħa l-pussess fis-27 ta' Ottubru 2001. Huwa twieled fil-parroċċa tagħna u ordna saċerdot fl-1994.  Huwa kompla jibni fuq ix-xogħol pastorali li wettqu l-kappillani ta' qablu u ta mportanza akbar lejn il-qima lil Ġesu Sagrament permezz ta' l-adorazzjoni ta' nhar ta' Ħamis.  F'dak li għandu x'jaqsam mal-bini tas-Santwarju huwa għamel ħafna tibdil biex isebbaħ dejjem il-knisja, fosthom artal ġdid, is-sedja taċ-ċelebrant u kappella żgħira fit-triq b'Ġesu Sagramentat espost lejl u nhar.  F'Novembru tas-sena 2013 huwa ġie ittrasferit għall-Parroċċa tal-Portu Salvu u San Duminku fil-Belt Valletta.

 

  

Wara 32 sena missjunarju fil-Brażil, Patri Vince Micallef ġie jaħdem fil-Parroċċa tagħna f'Mejju 2010 u ftit xhur wara rċeva l-kariga ta' viċi-kappillan.  Fil-Brażil huwa wettaq l-kariga ta' kappillan f'erba' parroċċi, surmast tan-novizzi u studenti tal-filosofija u tat-tejoloġija, u mis-sena 2006 sal-2009 provinċjal tal-Provinċja Dumnikana Brażiljana.  Huwa ħa l-pussess bħala it-tmien kappillan ta' din il-Parroċċa fil-11 ta' Diċembru 2014.  Bla dubju ta' xejn huwa beda juża' u jpoġġi fil-pratika l-esperjenza pastorali li akkwista mill-Knisja Brażiljana.  

Members Area

Recent Blog Entries

Recent Forum Posts

No recent posts

Newest Members

Recent Photos