Santwarju ta' Fatima, Guardamangia/Pieta'

News

view:  full / summary

Gimgha tal-Festa tal-Madonna ta' Fatima

Posted by Vince Micallef on June 28, 2015 at 10:10 AM Comments comments (0)

Din is-sena l-gimgha tal-Festa tal-Madonna ta' Fatima kienet mimlija b'celebrazzjonijiet li nkludiet diversi gruppi tal-parruccani.  Bdejna bhal kull sena bil-quddiesa tal-Ewwel Tqarbina ta' 26 tifel u tifla nhar il-Hadd 30 ta' Mejju li giet ccelebrata mill-kappillan P. Vince Micallef OP.  Kienet celebrazzjoni festiva li fiha kulhadd ippartecipa kemm it-tfal kif ukoll il-genituri.  Imbaghad it-Tnejn, l-01 ta' Gunju l-festa tat-tfal kompliet b'quddiesa ccelebrata minn P. Joe Zahra OP, saret l-inkurunazzjoni tal-Madonna u wara party u loghob fuq iz-zuntier.  It-Tlieta, filghodu giet iccelebrata quddiesa ghall-anzjani minn P. Pawl Gatt OP u wara kien hemm festin fis-Sala Yvonne. Filghaxija  kellna quddiesa ghall-ex-abbatini ccelebrata minn ex-abbati Patri Christopher Caruana OP.  Kien mument ta' nostalgija mill-ex-abbatini li ghenu l-quddiesa. L-Erbgha kienet l-ewwel gurnata tat-Tridu li qaddes Dun Mario Mifsud, kappillan tal-Parrocca tal-Kuncizzjoni, Hamrun.  Wara l-quddiesa kellna t-tberik tal-karrozzi.  Il-Hamis, it-tieni gurnata tat-Tridu, giet ccelebrata l-festa ta' Corpus Christi.  Ghalhekk wara t-tqarbin saret il-purcissjoni b'Gesu Ewkaristija.  Mexxa l-quddiesa u l-purcissjoni P. Franco Grech OSA, pirjol tal-Komunita Agostinjana fi Gwardamanga.  Fil-purcissjoni hadu sehem it-tfal tal-Precett, flimkien mal-genituri u l-katekisti.  Il-Gimgha, imbaghad - it-tielet jum tat-Tridu - Mons. Arcisqof Emeritu Pawlu Cremona OP iccelebra l-quddiesa ghall-familji u ghaliha kienu mistednin l-koppji li kienu qed jiccelebraw l-10 snin, 25, 30, 40, 50 u 60 sena miz-zwieg taghhom.  Fi tmiem il-quddiesa Mons. Arcisqof ipprezenta t-trabi lill-Madonna.  Is-Sibt kellna l-quddiesa tat-translazzjoni bir-relikwi tal-Beati Frangisku u Gjacinta.  Il-celebrant principali kien Patri Leslie Gatt OSA, agostinjan, rettur tal-Kullegg Santu Wistin, Gwardamanga.  Wara l-quddiesa kellna l-marc li kompla jferrah lill-parruccani u 'l dawk li ghogobhom jigu minn irhula ohra biex jinghaqdu u  jifirhu maghna f'din il-festa. Il-jum tas-Sibt spicca bil-loghob tan-nar u l-famuza waterfall.  Barra minn dan, waqt il-loghob tan-nar il-festa kienet imzewqa bil-muzika mill-Grupp Airport Impressions u l-kantanta Amber.  Il-Hadd, jum il-festa, il-koncelebrazzjoni giet immexxija minn Dun Anthony Fitzpatrick u l-panigirku sar mill-Kappillan P. Vince Micallef OP.  Filghaxija l-quddiesa u l-purcissjoni tmexxew mill-ex-kappillan P. Michael Camilleri OP. 

Din l-attivita kollha nistghu narawha mir-ritratti li qed ingibu hawnhekk.


                                                                                                                                                                                                           




Presepju differenti!

Posted by Vince Micallef on March 31, 2014 at 11:45 PM Comments comments (0)

Tajjeb insegwu u ngħożżu d-drawwiet li wiritna mill-passat, iżda min-naħa l-oħra tajjeb ukoll li noħolqu idejat ġodda u nkunu krijattivi biex ngħixu ż-żminijiet tallum.  Fil-bidu tan-novena tal-Milied 2013 il-kappillan Patri Vince ħareġ b'ideja li ġibdet l-attenzjoni tal-parruċċani.  Ħoloq presepju differenti li qatt ma konna rajnieh qabel.  Anzi, nistgħu ngħidu illi flok sibna l-presepju lest bħas-snin l-imgħoddija, konna aħna lkoll li bnejnieh.  Fil-bidu tan-novena rajna biss qafas ta' dar mingħajr ħitan u bla saqaf.  Il-kappillan għamel appell biex id-dar jew l-għar nibnuh aħna bil-pakketti tal-ikel u bil-bottijiet tal-preserve.  Fil-bidu ħadd ma fehem x'kienet l-ideja tiegħu, iżda mbagħad meta beda jifforma ruħu mhux talli ma fehmniex talli kulħadd ipparteċipa.  L-ideja kienet illi l-ikel li kien se jifforma l-għar fejn jitqiegħed il-bambin Ġesu, il-Madonna, San Ġużepp u l-pasturi l-oħra kien se jitqassam kollu għal nies fil-bżonn.  Kienet  ħaġa oriġinali li qanqlet lil kulħadd jgħin. 







Kappillan Gdid

Posted by Vince Micallef on March 23, 2014 at 5:00 PM Comments comments (0)

Wara 12-il sena bħala kappillan tal-Parroċċa tagħna, Patri Michael Camilleri spiċċa dan il-karigu u floku ġie maħtur kappillan tagħna P. Vince Micallef li għal dawn l-aħħar tlett snin kien viċi.  Dan it-tibdil sar f'Kapitlu Provinċjali tad-Dumnikani f'Malta, li isir kull 4 snin, fejn fih sar xi tibdil fil-karigi prinċipali tal-istess Provinċja.  Barra l-karigu ta' Provinċjal li ġie okkupat minn Patri Frans Micallef, ġew maħtura wkoll tlett kappillani ġodda: P. Michael Camilleri fil-Belt Valletta, P. Joe Cilia fil-Parroċċa ta' Ġesu Nażżarenu, Sliema, u l-kappillan tagħna P. Vince Micallef.

P. Vince ilu Malta mill-2010 meta reġa lura mill-missjoni fil-Brażil wara 32 sena.  Ix-xogħol prinċipali tiegħu fil-Brażil kien dak ta' kappillan u wkoll fil-formazzjoni ta' żgħażagħ illi ħadnu l-Ordni Dumnikan.  Fl-aħħar erba' snin huwa ukoll kien elett provinċjal tal-Provinċja Brażiljana mxerrda mal-Brażil kollu.  Aħna nemmnu li l-esperjenza tiegħu għandha tkun ta' ġid kbir għalina fil-Parroċċa tal-Madonna ta' Fatima, fi Gwardamanġa / Pietà.  

Patri Vince ġie maħtur uffiċjalment kappillan tagħna mill-Arċisqof Pawlu Cremona fil-11 ta' Diċembru 2014.  Kellna ċelebrazzjoni sabiħa ħafna li mliet il-Santwarju Parrokkjali b'ħafna nies parruċċani, familjari u ħbieb li ġew jifirħu u jagħtu merħba lill-kappillan il-ġdid.  Kien hemm ukoll preżenti għadd sabih ta' saċerdoti li kkonċelebraw fil-quddiesa.  Wara l-quddiesa kulħadd mar fiċ-Ċentru Parrokkjali biex ikomplu jiċċelebraw din l-okkażjoni tant sabiħa.


Kummissjoni Zghazagh

Posted by Vince Micallef on November 13, 2013 at 4:50 PM Comments comments (0)

Nhar il-Ħadd, 10 ta' Novembru, 2013, wara l-quddiesa taż-żgħażagħ fl-10:00, iltaqgħet il-Kummissjoni Żgħażagħ li temmet iż-żmien tagħha ta' sentejn biex tifforma l-Kummissjoni ġdida għas-snin 2014 - 2015.  Ġew magħżula dawn il-membri:

direttur spiritwali:  Fr Vince Micallef OP
responsabbli adulta: Dorianne Rotin
chairperson: Saralina Savo
vici u teżoriera: Doris Cutajar
segretarja: Maria Borg
viċi-segretarja: Maria Zammit
komunikazzjoni: Krista Salerno

Nawguraw lil din il-Kummissjoni ħidma fejjieda fost iż-żgħażagħ.




Min jispicca u min jibda

Posted by Vince Micallef on November 5, 2013 at 4:45 PM Comments comments (0)

Għal dawn l-aħħar tlett snin, il-kappillan Patri Michael Camilleri u l-viċi tiegħu Patri Vince Micallef ħadmu flimkien fil-Parroċċa tal-Madonna ta' Fatima.  Bejn is-6 u s-27 ta' Settembru, 2013, sar il-Kapitlu Provnċjali tad-Dumnikani, li fih ġie elett provinċjal ġdid, Patri Frans Micallef, u ġew ukoll magħżula uffiċċjali ġodda fi ħdan il-Provinċja.  Fost il-ministeri ġodda ġie magħżul il-kappillan il-ġdid għall-Parroċċa tagħna, Patri Vince Micallef.  B'din il-ħatra ta' P. Vince,  P. Michael temm il-ministeru tiegħu bħala kappillan tagħna wara tnax-il sena.  P. Michael ġiet fdata parroċċa oħra f'idejh, dik tal-Portu Salvu u San Duminku fil-Belt Valletta.

L-awgurju tagħna jmur għal dawn iż-żewġ patrijiet.  Filwaqt li nroddu ħajr lil P. Michael tad-dedikazzjoni tiegħu fil-Parroċċa tagħna għal dawn l-aħħar 12-il sena, nawgurawlu ħidma fejjieda fil-Parroċċa tal-Belt.  Bl-istess mod nilqgħu u nawguraw lil P. Vince, il-kappillan ġdid tagħna, ħidma pastorali fejjieda u suċċess fil-missjoni ġdida fostna.  


Settembru mimli attivitajiet

Posted by Vince Micallef on September 23, 2013 at 1:05 PM Comments comments (0)

Matul ix-xahar ta' Settembru, il-Parroċċa ċċelebrat mumenti ta' memorji u festi .  Bdiet fis-6 tax-xahar b'quddiesa tal-Ispirtu s-Santu biex timmarka l-bidu tas-47 Kapitlu Provinċjali tad-Dumnikani Maltin li jsir kull erba' snin u li din id-darba kien jmiss li jsir fil-Kunvent tagħna Sidtna Marija tar-Rużarju ta' Fatima fi Gwardamanġa. Wara din l-quddiesa, il-patrijiet kapitulari li kienu jgħoddu 14, telgħu fit-tieni sular tal-Kunvent fejn ġiet imħejjija s-sala kapitulari.  L-għada, is-7 ta' Settembru, ġie elett il-provinċjal il-ġdid Patri Frans Micallef li wara li ġie kkonfirmat mill-Majjistru Ġenerali tal-Ordni Dumnikan, Patri Bruno Cadoré, beda l-missjoni tiegħu ta' provinċjal għal dawn l-erba' snin li ġejjin. Wara l-konfirmazzjoni l-Kapitlu kompla bl-istudju u r-revizjoni tal-ħajja reliġjuża għal żminijietna mid-9 ta' Settembru 'l quddiem .


Il-Ħamis, 15 ta' Settembru, id-delettanti tal-festa tal-Parroċċa flimkien ma' għadd ta' ħbieb u parruċċani, bdew maratona ta' 77 siegħa jipproduċi lidna blu biex tintrama fil-festa tal-Madonna ta' Fatima.  Din hija it-tieni sena tal-maratona, iżda din id-darba kienet speċjali hekk kif il-parroċċa daħlet għal din l-isfida biex kisbet record ta' tant sigħat bla waqfien.  Difatti f'nofs il-lejl tal-Ħadd, waqt li r-residenti kienu qed jiċċelebraw Jum il-Pieta, il-parroċċa temmet is-77 siegħa u rċeviet iċ-ċertifikat għal dan ir-record.


It-Tlieta, 19 ta' Settembru, ġiet iċċelebrata quddiesa ta' radd il-ħajr ta' Patri Reġinald Borg, membru tal-Parroċċa tagħna, f'għeluq is-60 sena mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu.  Dan iċċelebra flimkien ma' Patri Karm Zammit, dumnikan.  Wara l-quddiesa dawk preżenti ħadu sehem f'riċeviment li sar fiċ-Ċentru Parrokkjali.


Fil-21 ta' Settembru, ġie iċċelebrat is-sagrament tal-Konfirmazzjoni mill-Isqof Ġorg Frendo, missjunarju fl-Albanija.  Din is-sena kellna 12-il tifel u tifla li rċevew dan is-sagrament fil-quddiesa tal-10.00 am.

Iżda il-festi ma jieqfux hawn.  Nhar il-Ħadd, 22 ta' Settembru, żewġ isqfijiet dumnikani, Pawlu Cremona u Ġorġ Frendo, it-tnejn ex-kappillani tal-Parroċċa tagħna, iċċelebraw il-50 sena mill-professjoni reliġjuża, jiġifieri minn mindu bdew formalment il-ħajja reliġjuża dumnikana.  Kienet festa speċjali li fiha ingħaqdu magħom reliġjużi dumnikani, patrijiet u sorijiet, lajċi dumnikani, familjari u ħbieb, il-komunita parrokjali li fosthom kienu preżenti wkoll il-President ta' Malta flimkien mal-martu.  Wara l-quddiesa sar riċeviment fis-Sala Parrokkjali.


Fl-istess ġurnata tat-22, Patri Vince wkoll iċċelebra 45 sena mill-ħajja reliġjuża tiegħu.  Dawn huma kollha mumenti ta' ferħ u memorji li l-Parroċċa tagħna ċċelebrat f'dawn il-ġranet.


Milied Attiv

Posted by Vince Micallef on December 27, 2012 at 3:10 AM Comments comments (0)

Mis-Sibt, 15 ta' Diċembru sal-Ħadd, 23, il-Parroċċa ċċelebrat in-novena tal-Milied.  Din is-sena t-tema prinċipali kienet "il-Milied - festa tal-fidi tagħna".  Kull ġurnata ċċelebrajna persunaġġ mudell tal-fidi tagħna.  Hekk bdejna fl-ewwel jum tan-novena b'Abraham, u komplejna bi Ġwanni l-Batista, Ġesu, Ġuzeppi, Marija, ir-rgħajja, il-maġi, Madre Tereza u Ġwanni Pawlu II.  Kull ċelebrazzjoni ġiet animata minn gruppi, għaqdiet jew kummissjonijiet differenti li jwettqu xi pastorali fil-parroċċa.  Ġie wzat il-power point għal riflessjoniiet u talb dwar dawn il-persunaġġi.  L-ismijiet tagħhom imbagħad ġew imdendla mas-siġra tal-Milied.

 

Lejliet il-Milied bdejna iċ-ċelebrazzjoni b'kunċert mill-Kor Parrokkjali "San Tumas ta' Akwinu", imbagħad il-quddiesa solenni li fiha ġie reċitat l-Uffiċċju tal-Qari u saret wkoll l-priedka tat-tifel din is-sena f'forma ta' djalogu bejn zewg angli. 

Il-Vista Pastorali tkompli...

Posted by Vince Micallef on November 27, 2012 at 4:15 AM Comments comments (0)

Nhar l-Erbgħa, 21 ta' Novembru, kienet ġurnata mimlija għal Mons. Arċisqof.  Fl-4.30pm huwa żar iż-żewġ komunitajiet tas-Sorijiet Orsolini, dik li tieħu ħsieb it-tfal u l-komunita tas-sorijiet anzjani.  Imbagħad fis-6.00pm Mons. Arċisqof iltaqa' mal-Kummissjoni Familja.  Huwa sema' r-rapport tagħhom u bħas-soltu għamel xi kummenti u suġġerimenti.  Fis-7.15pm iltaqa' ma' kummissjoni oħra, din id-darba taż-żgħażagħ.  Huwa sema' r-rapport, imbagħad fl-aħħar għadda ukoll l-messaġġ tiegħu.  Din il-ġurnata għalqet billi fit-8.00pm Mons. Arċisisqof iltaqa' mal-Grupp kollu taż-żgħażagħ u adolexxenti.  Huma waslu l-messaġġ tagħhom b'żifna bil-kanzunetta "Pray" u b'kant bl-kitarri mill-istess żgħażagħ.  Fl-aħħar Mons. Arċisqof qagħad jirrispondi għall-mistoqsijiet li l-Grupp għamillu. 

 

Fis-26 ta' Novembru, it-Tnejn, fil-5.00pm Mons.Arċisqof iltaqa' ma' persuni li xtaqu jkellmuh personalment, imbagħad fis-7.00pm saret l-Assembleja li kienet il-qofol tal-Vista Pastorali.  Is-Sala Yvonne kienet mimlija.  Inqrat silta mill-Ewwel Ittra ta' San Pawl lill-Korintin (1:1-10), imbagħad Saviour Porter, membru tal-Kummissjoni Liturġija għamel riflessjoni fuqha.  Wara iċ-chairman tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali (KPP) ta merħba lil kulħadd u għamel summary tal-istorja tal-Parroċċa b'referenza tas-7 kappillani li kellha s'issa.  Naturalment, f'din is-sintesi ssemma wkoll l-Arċisqof meta kien kappillan tagħna.  Wara dan intwera power-point bir-rapport għall-ħames kummissjonijiet (Liturġija, Djakonija, Katekeżi, Żgħażagħ u Familja).  Wara kull rapport kien hemm ukoll spazju għall-mistoqsijiet u suġġerimenti.  Wara dan sar intervent mid-delegat tal-Arċisqof għall-Pastorali tal-Parroċċi, Fr. Andre' Zaffarese, fejn faħħar ix-xogħol pastorali li qed isir fil-parroċċa.  Warajh kien imiss il-messaġġ finali tal-Arċisqof Pawlu Cremona.  Huwa faħħar ukoll l-andament tal-Parroċċa u ħeġġeġ biex inkompli nevanġeliżżaw.  L-Assembleja għalqet bir-ringrazzjament tal-kappillan Fr Michael Camilleri u l-istedina biex inkompli bil-ħeġġa li urejna waqt din il-vista pastorali.  Fl-aħħar il-kappillan offra l-flus tal-ġabra tal-Ħadd li għadda lill-Mons. Arċisqof biex jużahom għall-karita kif huwa xtaq flok jinatgħu rigali, waqt li hu ta bħala rigal lill-parroċċa l-kwadru tal-vista pastorali.  Wara saret konfraterniżżazzjoni fis-Sala Parrokkjali.

Vista Pastorali tal-Arcisqof (kont.)

Posted by Vince Micallef on November 22, 2012 at 10:30 AM Comments comments (0)

Il-vista Pastorali ta' Mons Arċisqof tkompliet billi nhar it-Tlieta filgħodu, 13 ta' Novembru, żar l-Iskola Primarja tal-Pieta.  L-ewwel huwa ltaqa' mat-tfal f'daqqa fil-hall fejn irċeva merħba bil-kant u preżentazzjoni, imbagħad dar klassi klassi fejn kellu aktar ħin  ikellem lit-tfal.  Wara huwa ltaqa' mal-għalliema u aktar tard ma' xi ġenituri.  Kienet festa għat-tfal fejn ippreżentaw lill-Arċisqof diversi kartolini li għamlu huma stess.  L-Arċisqof kellem ukoll lit-tfal ta' reliġjonijiet mhux kattolċi.

 

Il-Ħamis, 15 ta' Novembru, Mons. Arċisqof għamel żjara lill-komunita reliġjuża tal-Agostinjani fil-kunvent tagħhom biswiet il-Kulleġġ Santu Wistin.  Huwa tkellem magħhom, imbagħad kiel ukoll magħhom.

 

Fl-20 ta' Novembru, it-Tlieta, l-Arċisqof iltaqa' mal-Kummissjoni Liturġija fis-6.00pm.  Bħalma għamel mal-kummissjonijiet l-oħra huwa rċeva rapport tal-attivitajiet li saru, f'dan il-każ iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi li saru fil-parroċċa matul is-sena.  Ġew ippreżentati wkoll il-fuljetti kollha li jużaw in-nies waqt il-quddies.  Fis-7.15pm, imbagħad, iltaqa' mal-Kunsill Pastorali Parrokkjali (KPP) li jikkonsisti fl-uffiċjali eletti, il-leaders tal-għaqdiet, movimenti u kummissjonijiet, flimkien mal-kummissjoni Implimentazzjoni Sinodu. 

Vista Pastorali tal-Arcisqof - 2012

Posted by Vince Micallef on November 7, 2012 at 5:00 AM Comments comments (0)

Nhar is-Sibt, 3 ta' Novembru, Mons. Arċisqof Pawlu Cremona OP fetaħ il-vista pastorali tiegħu fil-Parroċċa tagħna fis-6.00pm b'quddiesa festiva li għaliha nġabru għadd sabiħ ta' parruċċani. Il-quddiesa ġiet ikkonċelebrata flimkien mar-reliġjużi dumnikani residenti fil-kunvent. Fostna kien hemm ukoll preżenti Mons. Bajada, residenti fil-parroċċa tagħna.

Wara l-quddiesa Mons Arċisqof baqa' l-knisja jsellem u jitkellem mal-parruċċani. Imbagħad fl-aħħar huwa kellu laqgħa mal-komunita tal-patrijiet ġewwa l-kunvent, fejn ukoll kiel magħhom.

Qabel l-quddiesa, Mons Arċisqof iltaqa' mal-ewwel Kummissjoni Djakonija, jiġifieri tal-Anzjani, fejn hu sema' u ddjaloga mal-membri preżenti, u saru wkoll xi rakkomandazzjonijiet għall-ġejjieni.

It-Tnejn, 5 ta' Novembru, fil-4.45pm, Mons Arċisqof iltaqa' mat-tfal li jattendu l-katekeżi għand is-Sorijiet Orsolini. Huwa qagħad bil-paċenzja u s-sempliċita kollha jisma' l-messaġġ li waslulu t-tfal permezz ta' qari ta' poeżiji. Imbagħad irrisponda għall-mistoqsijiet u kurżitajiet tat-tfal.

Fis-6.00pm huwa ltaqa' mal-katekisti tal-parroċċa kollha.

Il-Ġimgħa, 9 ta' Novembru, Mons. Arċisqof reġa' kien preżenti fil-Parroċċa biex din id-darba jiltaqa' mat-tfal tal-ketekiżmu taċ-Ċentru Parrokkjali. Huma tawh merħba hekk kif wasal fil-5.00pm, imbagħad tifla qrat messaġġ fejn irringrazzjatu tal-preżenza tiegħu fostna. Wara t-tfal ippreżentaw silta mill-vanġelu - il-miraklu tal-mara kananeja - b'mimika. Imbagħad il-grupp kollu tat-tfal kantaw kanzunetta "Il-Mulej Ħafna Tfal Għandu". Wara dan it-tfal għamlulu xi mistoqsijiet u l-Arċisqof irrisponda. Il-laqgħa spiċċat bil-kant ta' ringrazzjament.


Rss_feed